Illum il-ġurnata ż-żwieġ huwa kuntratt normali?

Il-ħajja llum inbidlet u magħha ukoll inbidel kif inħarsu lejn iż-żwieġ kif konna tradizzjonalment. Mill- ottika legali ż-żwieġ mhu xejn aktar minn kuntratt bejn il-partijiet u bħal kull kuntratt ieħor hemm l-obbligi reċiproki lejn xulxin.

Dan il-kuntratt huwa soġġett għal sospensjoni, terminazzjoni u reċessjoni jew aħjar separazzjoni, divorzju u annullament. Din il-ġimgħa ser nittrattaw il-proċeduri ta’ separazzjoni personali, liema ġew ukoll affettwati mis-sitwazzjoni preżenti tal-COVID 19.

Il-proċeduri  ta’ separazzjoni personali huma komplessi u kultant twal, possibbilment jista’ jkun għalhekk li l-maġġoranza tas-separazzjonijiet jiġu riżolti bonarjament, cioé barra mill-Qrati. Minkejja li fil-maġġur parti l-partijiet isolvu t-tilwim ta’ bejniethom b’mod amikevoli sfortunatament, dan mhux dejjem huwa possibbli u xi kultant ikun jeħtieġ l-intervent tal-Qrati.

F’ separazzjoni personali hemm żewġ elementi mportanti li għandhom ikunu distinti minn xulxin, cioé dak li għandu x’jaqsam mal-assi bħal proprjetà immobbli (djar, garaxxijiet, villeġġjaturi), dawk mobbli (karrozzi, deheb, flus) u tfal (kemm dawk minorenni jew maġorenni sa 23 sena jekk ikunu għadhom jistudjaw fuq bażi full time). Dwar dak li jirrigwarda l-assi, wieħed għandu dejjem jittratta kwalunkwe sitwazzjoni bħala transazzjoni kummerċjali bejn żewġ partijiet, iżda fir-rigward ta’ dak relatat mat-tfal, is-sitwazzjoni għanda tkun differenti u l-interess tat-tfal għandu jkun protett sabiex l’ebda parti ma tazzarda tuża t-tfal bħala pedina f’logħba taċ-chess.

Jekk il-partijiet jew waħda mill-partijiet ikollha tmur il-Qorti, huwa mportanti li tkun taf x’ser tkun qed tiffaċċja ruħha fir-rigward tal-proċedura kif ukoll għal dak li jirrigwarda t-tul proċedurali.

Kull separazzjoni personali tibda billi waħda mil-partijiet tikkomunika mal-parti l’oħra l-intenzjoni li tibda l-proċeduri tas-separazzjoni personali u dan normalment isir tramite ittra mill-avukat tal-fiduċja tal-parti. Wara din l-ittra, wieħed jew iż-żewġ l-partijiet konjuntivament ikollhom jippreżentaw ittra sabiex jitolbu lill-Qorti tawtorizzahom biex jibdew il-medjazzjoni. Tajjeb ikun iċċarat li l-medjazzjoni f`Malta hija obbligatorja iżda din mhux intiża sabiex treġġa l-partijiet lura f’relazzjoni iżda qiegħda hemm sabiex twassal il-partijiet għal arranġament barra l-Qorti. Il-medjazzjoni tista’ tkun dik provduta mill-Qrati jew saħansitra waħda privata.

Normalment il-medjazzjoni ddum sakemm il-partijiet  ikunu esploraw kull soluzzjoni bonarja. Fin-nuqqas ta’ qbil, il-medjatur jinforma lill-Qorti li l-partijiet ma qablux u b’hekk ikunu jistgħu jinbdew proċedimenti ta’separazzjoni quddiem Imħallef. Jekk, kemm-il darba l-partijiet jaqblu dwar in-negozjati, hemm hekk jiġi abbozzat kuntratt liema kuntratt ikun approvat mill-Qorti. Għal finijiet ta’ dan l-artikolu, illum ser nittrattaw biss u limitatament separazzjoni bonarja.

Meta il-kuntratt ta’ separazzjoni personali jkun abbozzat, il-partijiet jirregolaw bosta sitwazzjonijiet fosthom il-kura u kustodja tat-tfal minorenni, l-manteniment tat-tfal u possibbilment ta’ waħda mill-partijiet, l-aċċess għat-tfal minorenni kif ukoll id-diviżjoni tal-komunjoni tal-akkwisti. Il-klawżoli jkunu elaborati iżda għal-dak li jittratta l-kura u  kustodja tat-tfal minorenni, normalment wieħed ikollu indikat liema parti ser ikollha assenjat il- kura u  kustodja tat-tfal, fejn u ma’ min il-minorenni ser jirrisjedu u kif ser isir il-pagament tal-manteniment.

Fil-maġġur parti tas-sitwazzjonijiet id-diviżjoni tal-komunjoni tal-akkwisti hija waħda relattivament sempliċi dejjem jekk kollox ikun maqsum nofs bin-nofs. Iżda jista’ jkun hemm istanzi fejn waħda mill-partijiet tkun ikkontribwiet għal xi oġġetti formanti parti mill-komunjoni tal-akkwisti b’assi parafernali  u b’hekk ikollha dritt għal parti akbar minn nofs tal-valur inkwestjoni.

Jista’ jkun ukoll il-każ, primarjament fejn xi assi li ma jkunux diviżibbli, jew saħansitra ma jkunx hemm qbil bejn il-partijiet dwar min ser ikun assenjat dik il-proprjetà, dik il-proprjetà tispiċċa jew tkun mibjugħa fis-suq jew inkella b’liċitazzjoni (subbasta) b’ordni tal-Qorti.

Is-sitwazzjoni preżenti tal-COVID 19 ġabet sfidi kbar fuq persuni separati mod speċjali għal dak li jirrigwarda l-aċċess tat-tfal minuri u l-manteniment meta l-parti soġġetta sabiex tħallas il-manteniment tkun tnaqqsitilha s-salarju jew saħansitra tilfet l-impjieg. Meta sitwazzjonijiet bħal dawn javveraw, il-partijiet għandhom jaslu għal arranġament loġiku iżda fin-nuqqas dawn qatt ma għandhom jieħdu l-Liġi b’idejhom u b’hekk għandhom qabel xejn jieħdu parir legali mingħand avukat.

Dan l-artiklu huwa miktub minn Dr Natalino Caruana De Brincat LL.D. u jagħti ħarsa ġenerali relatata mas-separazzjoni personali u m’għandux ikun interpretat bħala xi parir legali. Minħabba l-fatt li l-artiklu jkun limitat b’numru ta’ kliem, ma jkunx possibbli li jiġu ndirizzati l-provedimenti kollha tal-liġi u s-sitwazzjonijiet kollha relatati kwestjoni ta’ separazzjoni personali.