STQARRIJA TAL-KAMRA TAL-AVUKATI FTUH TAL-QORTI

Il-Kamra tal-Avukati tikkonferma illi dalgħodu kellha laqgħa mal-Ministru tal-Ġustizzja, rappreżentati tal-ġudikatura u l-amministrazzjoni tal-Qrati dwar il-protokolli li ser jintużaw fil-Qrati għal perjodu tranżitorju, biex filwaqt illi l-qrati jkunu jistgħu jerġgħu jibdew jiffunzjonaw u jinżammu s-seduti jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji fl-aħjar interess ta’ kull min huwa nvolut fil-proċess ġudizzjarju.  F’din il-laqgħa il-Kamra ġiet infurmata illi kien qiegħed jitħejja dokument mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika li jistabbilixxi l-protokoll dwar kif għandhom jinżammu seduti fil-qorti, la darba tinfetaħ il-qorti. Dan id-dokument ser jiġi ċirkolat mal-partijiet kollha, biex wara jitkomplew id-diskussjonijiet bejn il-partijiet nhar l-erbgħa li ġej.  Il-Kamra ser tirriserva li tieħu pożizzjoni dwar dan wara li jkollha l-opportunità li teżamina l-istess dokument u wara li tkun għamlet is-sottomissjonijiet tagħha lil dan i-kumitat ad hoc, nhar l-erbgħa 3 ta’ Ġunju.

 

1 Ġunju 2020