Stqarrija tal-Kamra tal-Avukati

 

 

Il-Kamra tal-Avukati tirreferi għal dak illi ġie rappurtat li stqarr il Prim Ministru nhar id-29 ta’ Jannar, 2023 fir-rigward tal-operat tal-qrati ta’ ġurisdizzjoni kriminali u ma tistax ħlief tesprimi d-diżappunt tagħha fir-rigward ta’ ċerti stqarrijiet tal-istess onorevoli Prim’Ministru.  Il-Qrati tagħna m’għandhom ebda mansjoni li jgħaddu messaġġi lil xi ħadd, izda biss dak illi jiddeċiedu l-mertu tal-kawzi pendenti quddiemhom, b’mod indipendenti u mparzjali, billi japplikaw il-liġi fil-konfront ta’ kullħadd, bla eċċezzjoni. Il-Kamra tħoss illi diskorsi jew stqarrijiet fejn wieħed jiġġeneralizza dwar kif il-Qrati jkunu ddeċidew ċerti kawżi u s-sentenzi jew digrieti li jkunu ingħataw, mingħajr ma tkun saret analiżi approfondita tal-provi u sottomissjonjiet li jkunu saru quddiem il-Qorti li tkun iddeċiediet, ma jistaxwx ħlief ikunu valutazzjoni superfiċjali tal-posizzjoni.  Jekk hemm xi messaġġi li għandhom jingħataw lis-soċjetà allura dan mhux il-kompitu tal-Qrati, izda propju tal-klassi politika fil-pajjiz li għandha tilleġisla biex jingħata tali messaġġ – u allura il-ġudikanti imbgħad ikunu obbligati li japplikaw dawk il-liġijiet.

Il-Kamra, tieħu wkoll spunt min dak illi qal il-Prim Ministru fir-rigward ta’ membri tal-professjoni legali, li huma wkoll membri tal-parlament.  Filwaqt li l-Kamra dejjem ħadet il-linja li meta membru tal-professjoni jkun volontarjament espona ruħhu fil-kamp politiku, allura jrid ikun dispost li jassoġġetta lilu nnifsu għal-kritika politika, ma tistax ma tikkumentax li għandha ssir distinzjoni netta bejn il-mansjoni professjonali tal-avukat u dik politika.  Iz-zewġ mansjonijiet huma u għandhom jinzammu distinti.  Il-mansjoni professjonali tal-avukat hija dik illi jipprovdi lill-klijent tiegħu bl-aħjar difiza possibbli skont il-liġi u fil-parametri ta’ dak illi huwa konċess anki mill-kodiċi tal-etika tal-avukat – hija propju li fil-parametri tar-regoli applikabbli jipprovdi l-aħjar difiża possibbli lill-klijent tiegħu.  Il-mansjoni politika tmur lil hinn min xi każ jew kazijiet li jista’ jkun qiegħed jippatroċinja – u hija espressjoni ta’ l-opinjoni persunali tiegħu li għandha tipprexxindi min dak illi jitlob id-dover tiegħu professjonali, u li m’għandix tillimitaħ fil-qadi tad-doveri professjonali tiegħu.

Il-Kamra tal-Avukati, tifhem min dak li ġie rappurtat li qal il-Prim’Ministru li kien hemm xi djalogu bejn il-Prim Ministru u xi ġudikant partikolari li jifforma parti mill-Maġistratura.   Hija l-fehma tal-Kamra li tali dibattiti jew djalogi bejn membri tal-bank tal-ġudikatura u membri tal-Esekuttiv tal-Istat dwar materji konessi mal-funzjonijiet tagħhom m’humiex permessi mill-Kodiċi tal-etika tal-ġudikatura mingħajr konsulta speċifika min qabel mal-Prim’Imħallef.  Dan huwa prinċipju basilari li għandu dejjem ikun rispettat.

Il-Kamra tal-Avukati tieħu din l-opportunita sabiex, filqwaqt li tirrokonoxxi li qedgħin isiru diversi sforzi biex il-Qrati jingħataw ir-risorsi neċessarji biex ikunu jistgħu jaħdmu b’mod aktar spedit, wasal iz-zmien illi nħarsu verament u bis-serjetà lejn kif nistgħu naġġornaw l-eko-sistema ġudizzjarja u tal-professjoni legali ħalli verament ikollna sistema li taqdi l-funzjoni tagħha b’mod aktar effiċjenti u aġġornat għall-esiġenzi tas-seklu 21. Din hija sfida mportanti għal professjoni tagħna u dawk kollha involuti fis-sistema tad-dritt u tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Huwa f’dan il kuntest li ‘l-Kamra tal-Avukati hija tal-fehma li għandu jsir sforz serju u b’impenn min kull min huwa involut,  biex jibdew mingħajr dewmien diskussjonijiet bl-iskop li jiġi redatt pjan ben kunsidrat tar-riformi fis-settur – bill nħarsu lejn l-aspetti kollha tal-kwistjoni inkluz, riformi fil-liġijiet tal-proċedura, risorsi ġudizzjarji, risorzi amministrattivi, riformi ta l-professjoni legali – il-lista mhix waħda qasira u l-kumplessità tal-kwistjoni mhux ħafifa – pero neċessarja.

 

 

Valletta, 30 ta’ Jannar 2023