Stqarrija tal-Kamra tal-Avukati – 27.04.2023

 

 

Il-Kamra ta’ l-Avukati ma tistgħax ma tesprimix id-diżappunt tagħha fil-konfront ta’ kwalunkwe attentat immirat li jinfluwenza jew jikkondizzjona l-operat ta’ avukat fil-qadi tad-doveri tiegħu billi konsistentament u persistentament jikkummentaw pubblikament u fil-media b’mod avvers u kważi umiljanti, fuq l-operat ta’ avukati partikolari, b’mod illi huwa ntiż propju li jikkundizjona lill-avukat milli jeżerċita l-ġudizzju ndipendenti tiegħu; u dan aktar u aktar meta min qiegħed jagħmel tali kummenti huwa l-kontro-parti f’xi kawża partikolari.

Il-Kamra kellha diversi opportunitajiet fejn ġabet a konjizzjoni pubblika li huwa propju dmir tal-avukat lejn il-klijent tiegħu li jagħmel dak kollu li huwa leġittimu u fil-parametri ta’ l-etika professjonali biex jippromwovi l-każ tal-klijent tiegħu; illi l-avukat m’għandu qatt u fl-ebda ċirkostanza jiġi medesimat mal-klijent tiegħu – jew ikun is-suġġett ta’ attakki fuq il-persuna jew professjonalità tiegħu sempliċiment għaliex ikun qiegħed jaqdi d-dmirijiet tiegħu.

Fi proċess avversarju huwa ovvju li l-kontro-parti f’dak il-proċess mhux ser taqbel ma dak illi avukat ser ikollu xi jgħid biex jagħmel il-każ tal-klijent tiegħu.  Hija kwistjoni ta’ maturità li wieħed jifhem u japprezza li f’sistema avversarja f’forum ġudizzjarju dan il-konfront huwa inevitabbli, pero illi dan m’għandux iwassal għal personalizzazzjoni jew intimidazzjoni jew li jiġi redikolat l-avukat talli qiegħed jagħmel xogħolu. Ir-rwol ta’ l-avukati fuq iz-zewġ naħat huwa dak li jipparteċipaw fil-proċess sħiħ biex issir ġustizzja u dan mingħajr m’ għandhom jiġu medesimati ma dak li allegatament ikun għamel il-klijent tagħhom jew pubblikament ridikolati sempliċiment għaliex għamlu dmirhom.

Dan għandu japplika mhux anqas għall-avukat tal-istat li huwa obbligat bl-istess doveri etiċi u proċedurali bħal kwalunkwe avukat ieħor.  Il-fatt illi l-klijent tal-avukat tal-istat, huwa propju l-istat –m’għandux iwassal biex ikun l-avukat innifsu l-oġġett ta’ kritika jew attakk fil-vesti tiegħu personali jew professjonali sempliċiment għaliex ikun qiegħed jaqdi d-doveri tiegħu u jqajjem kwistjonijiet fil-qorti li kienu fil-prattika jqajjmu avukati oħra.  Semmai, l-oġġett ta’ dik il-kritika għandu jkun l-istat u/jew il-Gvern, bħala l-klijent, u mhux l-avukat tiegħu. Huwa evidenti li meta avukat, inkluż l-avukat tal-istat, bħala professjonista jagħmel l-argumenti tiegħu fil-Qrati, ma jfissirx illi dawk huma l-argumenti tiegħu personali, iżda huma l-argumenti tal-klijent tiegħu.

Il-Kamra tixtieq tappella għal aktar moderazzjoni u maturità f’ kummenti pubbliċi meta dawn jikkonċernaw il-professjonalità ta’ l-avukat fil-qadi tad-doveri tiegħu, u dan biex kull avukat jitħalla fil-libertà assoluta li jkun jista’, mingħajr pressjonijiet mhux xierqa, jaqdi d-doveri tiegħu lejn il-klijent tiegħu u b’lealtà lejn il-professjoni.

 

27 ta’ April, 2023